Qabel l-1997:
Skond informazzjoni mogħtija minn Ġużeppa Agius bint Mattew Agius, missierha kien kera post fejn il-knisja, għall-prezz ta' tmien liri fis-sena biex jagħmlu każin. Sfortunatament il-pjan waqaf għaliex il-kappillan ta' dak iż-żmien Dun Nikol Aquilina kien tah parir biex ma jkomplix. Is-snin ta' wara l-gwerra ma kienux faċli, iżda jidher li l-festa baqgħet tkun iċċelebrata tajjeb, dan hu nnutat minn xi ritratti li jeżistu, kif ukoll ktieb tal-kera ta' mezzanin f' nru 11 Misraħ is-Suq. Dan il-mezzanin kien inkera minn Ġużeppi Agius u Ġużeppi Cutajar fl-1959 biex jintrefa l-armar li kienu għamlu fih. Maż-żmien il-festa marret mill-ħażin ghall-agħar sakemm waslet is-sena 1972, sena li fiha nqala ħafna nkwiet u protesti fuq il-kampnari tal-knisja. Dan l-inkwiet wassal li l-festa tal-Madonna tad-Duttrina bħal ġiet abbandunata, tant li l-pavaljuni li kienu saru ma tħallewx jintramaw u l-banda għamlet xi snin ma ddoqqx wara din l-imsemmija sena.
Dan kollu wassal biex fis-sena 1974 tlett żgħażagħ ta' madwar erbatax-il sena, li kienu Twanny Aguis, Renzo Gauci u Karmenu Massa, ma felhux iżjed is-sitwazzjoni u ddeċidew li jerġgħu iqajjmu din il-festa fuq saqajha. Bla dubju ta' xejn is-sitwazzjoni kienet diffiċli ħafna, peress li riedu jibdew kollox mill-bidu, barra minn hekk ħafna min nies li kienu jieħdu ħsieb din il-festa kienu jew mietu inkella birdu għal kollox minnha. Minkejja kollox bl-għajnuna tal-Kappillan Dun Edgar Attard u appoġġ minn Ġużeppi Schembri li kien Rettur, irnexxilhom jibdew. Bis-saħħa tal-qawmien ġdid li bdew jagħmlu s-sekondarji kollha f' dawk is-snin, dawn iż-żgħażagħ ħadu l-opportunita' jżidu d-dwal fit-toroq, jerġgħu jibdew in-nar u jġibu l-banda u aktar tard żdied marċ ukoll. Dan kollu żgur ma setax ikun possibli kieku ma żdiedux in-nies u dawk li kienu birdu reġgħu bdew jieħdu inizjattiva.
Ovvjament it-tfixkil ma naqasx, għal bidu lil dawn iż-żagħżagħ kienu jidħku bihom u meta kienu jisselfu xi armar kienu jingħataw l-agħar li seta jkun hemm, iżda l-ħeġġa u d-determinazzjoni li kellhom, taw risposta.

Għadda ż-żmien, l-armar ma baqax jissellef iżda sar armar ġdid minn dawn l-individwi, u l-festa kompiet tikber. Mingħajr ma nqajjem skeletri u niftaħ feriti, ma nistax ma nsemmix il-kwistjonijiet li bdew jinqalgħu ta' kull sena bejn il-Fratellanza u l-banda Marija Annunzjata. Dawn il-kwistjonijet fortunatament waslu fi tmiemhom fl-1997, meta wara l-festa ta' dik is-sena il-fratellanza flimkien mal-kappillan rat li ma tistax tilqa l-proposti ta' din il-banda u ġie deċiż li minn dakinhar il-quddiem tinqala banda barranija.
Kumitat Festa Esterna Madonna tad-Duttrina AD 1997:
L-Iskop li għalih twaqfet il-Fratellanza fl-1874, ma kienx biex tieħu ħsieb taqla l-baned, barra minn hekk kien qed isir ħafna ġbir, armar u nar fuq bażi individwali b' hekk ma kien hemm ebda pjan x' jirregola kif isiru l-affarijiet. Għalhekk fil-laqgħa tal-Fratellanza li saret nhar it-28 ta' Novembru 1996, ġie deċiż li jitwaqqaf kumitat li jieħu ħsieb l-organizazzjoni tal-festa ta' barra. Din id-deċiżjoni ġiet fis-seħħ nhar l-10 ta' Jannar 1997,meta saret l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Festa Esterna Madonna tad-Duttrina, f' nru 64 Triq il-Kbira Ħal Tarxien. Is-seduta bdiet b' dikors qasir mis-segretarju tal-Fratellanza, Karmenu Massa, u wara spjega li l-iskop ta dan il-kumitat hu li jieħu ħsieb il-festa ta' barra b' kollaborazzjoni mal-Fratellanza. Fost affarijiet oħra diskussi f' din il-laqgħa, ġiet iffurmata kummissjoni bl-għan li tħejji staut, u nħatar l-ewwel kumitat li kien magħmul minn: President- Ġużeppi Agius, Viċi President- Twanny Agius, Kaxxier-Twanny Dalli, Viċi Kaxxier- Salvu Caruana, Segretarju- John Massa, Viċi Segretarju- Chris Buhagiar, Il-Membri kienu: Karmenu Massa, Joe Massa, Joe Schembri, Renzo Gauci, Anthony Gafa', John Sant, Martin Agius, Brian Cassar, Mario Schembri, Nikola Marmara u Frans Dalli. F' dik il-lejla twaqqfu wkoll Il-Kummissjonijiet: tan-nar, banda u armar. Minn dakinhar il-quddiem l-armar kollu li kienu għamlu l-individwi, li huma parti minn dan il-kumitat, sar jamministrah il-kumitat, l-ispejjeż u l-manifattura tan-nar ġiet f' idejn il-kumitat, u beda jaqlgħha l-banda barranija u jħallas tlett kwarti tal-prezz tagħha waqt li l-kwart l-ieħor tħallsu l-Fratellanza. Fis-sena 2002 il-kumitat ħass il-ħtieġa li jwaqqaf sezzjoni importanti fi ħdanu, din hija s-Sezzjoni Żgħażagħ Duttrinisti bl-għan li ż-żgħażagħ, li jiffurmaw parti sew mid-dilettanti, jibqgħu attivi billi jaħdmu għal festa is-sena kollha.

Iż-żmien gerbeb u r-remissa antika, konvertita f' maħżen, li nkriet mill-kumitat biex fiha jagħmel il-laqgħat u jiltaqgħu id-diletanti tal-festa, bdiet tinħass żgħira u inadekwata biex tilqa fiha dawn l-affarijiet, barra minn hekk inħasset il-ħtieġa li ssir sistema ta' membri li jeleġġu kumitat, mhux kull min huwa diletant jidħol fil-kumitat. Dan kien ifisser li l-kumitat kellu bżonn jifforma ruħu f' għaqda li jmexxiha hu ,u li jkollu sede li taqdi l-ħtiġijiet li dejjem jikbru.
Ghaqda Soċjali Madonna tad-Duttrina:
L-ewwel darba li ssemiet din ir-riforma kien fil-laqgħa tal-Kumitat Festa Esterna li saret nhar il-5 ta' Marzu 2003. Hawn wieħed irid jgħid li għalkemm l-idea kienet tajba, id-difikulta biex titwettaq kienet kbira, l-aktar minħabba l-ispejjeż kbar involuti. Pero' f'qasir żmien il-kaxxier Twanny Dalli sar jaf li l-post nru 2/3 Triq Birbixkilla , magħruf bħala ta' Karmni taz-Zagag, kien għal-bejgħ. Dan informa lil kumitat li kellu jaħsibha sew iżda malajr. Minbarra l-finanzi, l-akbar problema kienet li l-post kien ikkundanat, b' hekk ried jitwaqqa u jinbena mill-ġdid. Dan kollu kien ifisser ħafna aktar flus kif ukoll żmien, iźda l-pożizzjoni strategika li jinsab fiha dan il-post ġagħalet lil kumitat iħares pożittiv u ma jaqtax qalbu. Wara li kulħadd qabel li x-xogħol kollu ser ikun volontarju u li kulħadd kien sa jagħti l-aktar li jista' ģie deċiż li l-post indikat jinxtara, fl-istess waqt inbdiet sistema ta' ġbir ta' fondi. F' dan l-istadju wieħed ma jstax jinsa lis-Sur Martin Agius u s-sinjura tiegħu li kienu importanti ħafna biex sar l-akkwist ta' dan il-post. Minnufih wara x-xiri nbeda x-xogħol fuq l-ippjanar, il-permessi u d-disinn tal-faċċata. Il-Ħidma tal-kumitat baqgħet għaddejja sew fuq il-festa kif ukoll fuq is-sede l-ġdid, tant li fis-27 ta' Novembru 2003 ġie approvat statut ġdid waqt seduta tal-kumitat. Sfortunatament il-permessi damu ma waslu minħabba ħafna konsiderazzjonijiet mill-awtoritajiet u bsaten fir-roti, iżda fl-aħħar waslet id-data tas-6 t' Ottubru 2004, li tibqa mnaqqxa b' ittri tad-deheb f' qalb kull Duttrinist. F' din il-ģurnata il-kuntrattur “Vella Group Ltd” beda jwaqqa l-bini l-antik mingħajr ħlas, biex minfloku tibda tinbena l-ħolma tad-duttrinisti. Aktar ferħ inħass meta beda tiela l-ġebel, l-aktar tal-faċċata kollha lavur fuq disinn ta' Renzo Gauci u xogħol ta' Joe Massa bl-għajnuna ta' diversi membri. L-ewwel seduta tal-kumitat fil-każin saret fit-23 ta' Ġunju 2006.
Hawn tajjeb jingħad li filwaqt li kien qed isir dan ix-xogħol kollu, il-festa ma ġietx abbandunata, anzi kompliet tisaħaħ billi fost l-oħrajn intemm il-proġett ta' pavaljuni għal Triq Birzebbugia, kompla żdied in-nar u din is-sena ħadna sehem ghat-tieni darba fil-festival Nazzjonali tan-nar ta' l-art.